1,000 inkjesta maġisterjali fis-sena: Liema maġistrati bl-akbar tagħbija?

F’sentejn u nofs, bejn Jannar 2015 u Lulju 2017 infetħu total ta’ 2,508 inkjesti maġisterjali ġodda minn 25 Maġistrat fil-Qrati ta’ Malta u Għawdex.
Din l-istatistika turi li qed jinfetħu medja ta’ 1,000 inkjesta maġisterjali kull sena. Jidher li f'dan il-perjodu l-aktar maġistrati mgħobbija b'inkjesti kienu l-Maġistrat Anthony Vella u l-Maġistrat Doreen Clarke.
Matul l-istess perjodu ġew konklużi 1,461 inkjesta maġisterjali fil-Qorti ta’ Malta filwaqt li f’dik ta’ Għawdex ġew konklużi 93 waħda.
Matul is-sena 2015 u s-sena 2016, l-aktar li nfetħu u ġew konklużi Inkjesti Maġisterjali kienu quddiem il-Maġistrat Anthony Vella filwaqt li fl-ewwel nofs tas-sena l-oħra l-Maġistrat Doreen Clarke rċeviet l-akbar numru ta’ Inkjesti Maġisterjali.
Din l-istatistika ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici għall-mistoqsija tad-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.